Stefan | Bidni Organic Farm, Ħaż-Żabbar

Stefan | Bidni Organic Farm, Ħaż-Żabbar

Hekk kif navviċinaw Bidni Organic Farm, ninnavigaw passaġġi dojoq tal-kampanja, fejn it-tarmak malajr jinbidel fi trab u kwalunkwe dehra ta’ ħajja urbana tisfa fid-distanza. Għal dawk fostna li jaħdmu u jgħixu fiż-żona mibnija fuq li mibnija ta’ Malta, huwa faċli li tinsa li għad hemm medda ta’ art agrikola li għadha teżisti kif kienet fl-imgħoddi.

Stefan u martu, Antoinette, għandhom razzett organiku fil-villaġġ ta’ Ħaż-Żabbar. Il-proġett beda uffiċjalment sitt snin ilu fl-2016, però l-introduzzjoni ta’ Stefan fis-settur agrikolu tmur għal ħafna akar qabel minn dan il-proġett.

Hu jispjega, “Kont niġi hawn ma’ missieri meta kelli madwar erbatax-il jew ħmistax-il sena.” Hu jżid jgħid, “Meta kelli madwar sittax u kont qed nistudja għall-O-levels, jiena sibtni tajjeb niġi hawn għal siegħa bħala break”. Dawn il-breaks fl-istudju komplew anke meta Stefan mar l-università u kien hawn li bdiet l-imħabba tiegħu għall-biedja.

Bdiet ukoll tinbet ċertu kurżità għal dak li kien hemm lil hinn mill-art ta’ missieru. Meta kien inemmes ’il fuq mill-ħitan tas-sejjieħ ta’ struttura tal-franka fil-viċin, hu kien isaqsi lilu nnifsu, “Tgħid x’hemm f’dik i-kamra?” Snin wara, hu kien issodisfa dik il-kurżità meta akkwista ir-roqgħa art biswitha.

Hu interessanti l-fatt li Stefan jipprattika l-professjoni ta’ accountant u jippratika l-biedja fuq bażi part-time biss. Hu ġej minn linja twila ta’ bdiewa part-time, u qed ikompli fil-passi ta’ missieru u nannuh li ġew qablu.

Stefan jgħidli, “Meta bdejt, l-affarijiet kienu diffiċli biex wieħed jidhra. Imma hekk kif għadda ż-żmien, tjibt.” Biex beda, Stefan u familtu sempliċiment kabbru affarijiet għalihom infushom; però, ħerqan biex jiskopri aktar, huwa fittex l-għajnuna ta’ u attenda laqgħa tal-Malta Organic Agricultural Movement (MOAM), fejn iltaqa’ ma’ Joe. Hemmek sab ukoll inkoraġġiment minn Emanuel de Giorgio ta’ The Veg Box, li imbuttatu u lil familtu biex ikomplu fil-vjaġġ tagħhom. Il-bidla tiegħu għal biedja organika kienet ukoll nibtet minn studji li wrew ir-rabtiet bejn l-użu tal-pestiċidji f’biedja konvenzjonali u l-kanċer. Illum, Stefan u Antoinette huma l-unika bdiewa organiċi ċertifikati fin-nofsinhar ta’ Malta.

Hekk kif induru l-art tagħhom, Stefan jurina l-patata, il-ful, il-frawli, u l-ħwawar. Aħna nimxu ħdejn ringieli ta’ kale, li bħalissa jilħqu sal-ġenbejn hekk kif wasal tmiem l-istaġun tagħhom. Twapet tal-ħaxix ħażin (weed mats) jiksu l-art biex jikkontrollaw pjanti selvaġġi li kieku jikbru bl-addoċċ u wisq probabbli joqtlu l-prodott ta’ Stefan. Huma jrabbu t-tiġieġ ukoll biex jilqgħu għad-domanda kbira għal bajd free range.

Illum il-ġurnata, Stefan u Antoinette jbiegħu l-prodotti tagħhom direttament lill-konsumatur. Meta eżaminaw l-għażliet tagħhom fil-Pitkalija, fejn il-prodotti tradizzjonalment jinbiegħu lil xi ħadd ieħor qabel dawn ma jiġu mqassma lill-ħwienet, huma rrealizzaw li ma kinux ħa jġibu flushom lura. Stejjer ta’ bdiewa li jitimgħu l-prodott tagħhom lill-bhejjem għaliex ma jinbiegħx mhumiex rari. Huwa jemmen li s-sistema għandha bżonn reviżjoni radikali sabiex issir aktar ġusta u tnaqqas il-ħela tal-ikel.

Stefan jispjega li jsibuha diffiċli biex ilaħħqu mal-ammont ta’ xogħol fir-razzett iżda jemmen li li wieħed jaħdem part-time toffri diversi vantaġġi. Hu jgħid, “Bdiewa part-time għandhom aktar spazju fejn jesperimentaw. Jekk prodott ifalli, dan ma jkunx is-sors ta’ dħul primarju tiegħek”.

Il-biedja fuq bażi part-time toffri tama għas-settur agrikolu u Stefan jemmen li, lokalment, din hija l-aħjar triq ’il quddiem. Hu jgħid, “Naħseb li fil-futur se jkun hemm biss bdiewa part-time f’Malta”.

mt_MTMalti