Mario | Apiary, Ħal Għargħur

Mario | Apiary, Ħal Għargħur

Niltaqgħu ma’ Mario li jrabbi n-naħal fl-għelieqi tiegħu fil-Għargħur. Hekk kif jiftaħ il-grada, hu jispjega li, “Jiena vittma tat-temp. Illum mhux ġurnata tajba għan-naħal.”

L-irjieħ qawwija, it-temperatura baxxa, u s-sema msaħħab iġiegħlu lin-naħal biex jistkennu fil-ġarar tagħhom. Bħalhom, Mario u aħna nirtiraw għal kamra li tinsab fil-proprjetà tiegħu. Hu jispjega li, “Dan hu torri tal-għassa li jmur lura għal żmien il-Kavallieri”.

Illum Mario juża din il-kamra biex jaħżen l-apparat li għandu bżonn biex irabbi n-naħal. Hu jgħidli li, “Jiena tar-raba’ ġenerazzjoni li nrabbi n-naħal; kien hemm il-bużnannu, in-nannu, missieri, u issa hawn jiena”.

Sa żmien riċenti ferm, missieru—illum ħalliena—kien juża ġarra tan-naħal li bil-Malti jgħidulha l-qolla. Dan il-vażun tal-fuħħar kien l-għodda primarja għat-trobbija tan-naħal f’Malta għal millenji sħaħ, qabel ma waqaf jintuża fis-seklu għoxrin. Filwaqt li Mario jżomm it-tradizzjoni u għadu jrabbi xi naħal f’din il-ġarra antika, hu kien l-ewwel f’familtu li esperimenta b’prattiċi tat-trobbija tan-naħal aktar moderni.

L-għalqa tispikka bl-istorja tal-ġenerazzjonijiet li ġew qabel. Il-proprjetà għandha varjetà ta’ siġar maturi—siġra tan-naspli, siġra tal-lewż, ringieli ta’ dwieli tal-għeneb, fost oħrajn—li huma magħżula b’ċertu attenzjoni biex jagħmlu l-fjuri f’staġuni differenti. Il-fjuri selvaġġi jitħallew waħidhom u joħolqu rifuġju għan-naħal.

“Jien bdejt hawn, tista’ tgħid, mill-mument li stajt nimxi”, jgħid Mario. Hu kien jakkumpanja lil missieru u nannuh meta kien tifel żgħir, u prattikament qatt ma ħalla l-art minn dak iż-żmien ’l hawn. Hu ġie inkoraġġit minn missieru biex jieħu rotta aktar prattika, u akkwista l-lawrja universitarja tiegħu u beda karriera bħala bankier. Mario jgħid li matul il-karriera tiegħu, huwa kellu madwar għoxrin u tletin ġarra, iżda meta rtira, hu rritorna lura għall-ġarer tan-naħal tiegħu fuq bażi full-time. Illum, hu jieħu ħsieb mitt ġarra, li kollha kemm huma għandhom in-naħla Maltija fihom, Apis mellifera ruttneri, speċi li hi adatta għall-klima tagħna.

Għal Mario huwa l-faxxinu tiegħi naturali bin-naħal li ġibdu lura lejhom. Hu jgħid li għalkemm irnexxielu jieħu ħsieb il-ġarar waħdu f’dawn l-aħħar ħamsin sena, hu dejjem jitgħallem xi ħaġa ġdida kuljum. Hija l-isfida ta’ din il-kurva tat-tagħlim kostanti li timmotivah biex ikompli.

Mario japprezza wkoll l-aktar funzjoni importanti li n-naħal joffru lid-dinja naturali tagħna: il-pollinazzjoni. Hu jispjega, “Kważi 80% ta’ dak li nieklu huwa ppollinat min-naħal”, u jgħid li mingħajrhom kieku ma nissoppravvivux.

Il-konverżazzjoni tagħna taqleb fuq is-suġġett ta’ opportunitajiet ta’ fondi disponibbli għal dawk li jrabbu n-naħal, li, skont Mario, huma diffiċli biex wieħed jaċċessa. Hu jgħid, “Aħna ningħataw ammonti negliġibbli”. Huwa ferm konxju tal-fatt li ħafna mill-politiki u fondi disponibbli għall-industrija tal-agrikoltura għandhom approċċ ta’ one-size-fits-all.

Hu joffri analoġija: “Dan qisu bħal meta tmur tixtri l-ħwejjeġ. Il-ħanut ikollu ħwejjeġ ta’ daqs differenti biex jaqdi lil kull klijent.” Ċertu rekwiżiti li jaħdmu fil-kontinent Ewropew kapaċi ma jaħdmux sew f’kuntest Malti, xi ħaġa li tirriżulta f’ħafna fondi li ma jiġux użati.

Attentati biex jikkomunikaw ma’ uffiċjali eletti waqgħu fuq widnejn torox. Il-frustrazzjoni ta’ Mario ġejja mill-wegħdi foloz li se tittieħed azzjoni u għaldaqstant t-talba tiegħu hija waħda sempliċi: “Jekk jogħġobkom isimgħu s-suġġerimenti tagħna”.

Ir-rabta tal-familja b’saħħitha tal-għeruq ta’ Mario għall-apikultura qiegħda issa tiġi mgħoddija lin-neputijiet tiegħu bit-tama li din it-tradizzjoni tibqa’ ħajja.

mt_MTMalti