George | Ramla Valley, Nadur

George, bidwi part-time minn Għawdex, ikellimna darba waranofsinhar f’Diċembru, bix-xemx nieżla waqt li nżuru l-masġar tiegħu taż-żebbuġ. Din ir-raba’, li tinsab viċin il-bajja ikonika tar-Ramla l-Ħamra f’Għawdex, ilha tintuża minn familtu—bħal ħafna bdiewa oħra tal-lokal—għal ġenerazzjonijiet sħaħ. Hu jgħidli, “Il-bużbużnannu tiegħi kien jaħdem din l-art”.

Il-biedja hu aktar minn sors ta’ dħul jew passatemp għal George; tirrappreżenta l-istorja ta’ familtu. Hu jgħidli, “Trabbejt fuq din l-art”, u jżid, “Il-wegħda li għamilt lil nannuhi meta kien qed imut kienet li dan il-post ħa jibqa’ jintuża”—wegħda li hu s’issa wettaq peress li kemm hu u familtu qed ikomplu din it-tradizzjoni antika ġenerazzjonijiet sħaħ.

Allavolja hemm storja twila tal-familja marbuta ma’ din l-art, ir-razzett ta’ George huwa mikri minn sidien, xi ħaġa li toffri sfida unika. Permezz ta’ sistema li fil-Malti hija magħrufa bħala l-qbiela, fejn kera fissa tintiret minn ġenerazzjoni għal oħra, George żamm l-aċċess tal-art li kienet maħduma qabel minn familtu. Fi snin riċenti, però, ħafna sidien qed jippruvaw jieħdu lura l-art tagħhom, anke jekk m’għandhomx interessi agrikolturali.

Filwaqt li George qatt ma kellu problemi mas-sidien tiegħu, meta jara bdiewa oħra jitilfu l-aċċess għall-art tagħhom, din tqajjem dubji f’George. Hu jgħidli, “Mhuwiex ċert dak li jista’ jiġri fil-futur”.

Tradizzjonalment, il-familja ta’ George tipproduċi l-larinġ, però, peress li kien ħerqan biex jesperimenta, George introduċa s-siġar taż-żebbuġ fir-razzett. Hu daħal għaliha b’ruħu u ġismu u fittex taħriġ barra minn Malta sabiex jifhem aktar kif jikkultiva masġar taż-żebbuġ b’suċċess.

Fil-bidu tal-vjaġġ tiegħu bħala bidwi taż-żebbuġ, George pparteċipa f’kompetizzjoni barra minn Malta, għad-disapprovazzjoni ta’ zijuh li kien għenu jħallas il-vjaġġ. F’mument li qatt mhu ħa jinsa, iż-żejt taż-żebbuġa tiegħu ġie t-tieni f’kompetizzjoni ta’ 400 kompetitur. Bl-ispinta ta’ dan is-suċċess bikri, George daħal f’diversi kompetizzjonijiet minn dak iż-żmien ’l hawn u l-parteċipazzjoni tiegħu ġabet magħha interess internazzjonali fiż-żejt taż-żebbuġa Għawdxi.

Meta timxi fuq l-art tiegħu, mhux diffiċli biex tinduna bir-ramel li ġej mill-bajja viċina li jinfiltra l-ħamrija. Għalkemm hu primarjament jieħu ħsieb is-siġar taż-żebbuġ tiegħu, George jkabbar ħxejjex tradizzjonali wkoll fl-art. Il-lokazzjoni unika tar-razzett tiegħu, viċin il-baħar, hija ta’ vantaġġ. Hu jispjega li l-melħ jipprovdi togħma unika u anke jgħin biex jikkontrolla l-parassiti.

George jemmen li d-dħul fl-UE ċertament ġab miegħu diversi opportunitajiet, però jagħraf ukoll li ġabet magħha wkoll problemi ġodda. Hu jgħid li n-nuqqas ta’ kwarantina fuq importazzjonijiet jippreżenta riskju għall-pajsaġġ agrikolu lokali minħabba l-introduzzjoni, possibbilment, ta’ mard jew parassiti ġodda li bdiewa lokali mhumiex mgħammra biex jaffaċċjaw.

Hu jħoss li waħda mill-akbar żvantaġġi tal-biedja hija li hu marbut mal-art. Hu m’għandux il-libertà li jivvjaġġa għal tul ta’ żmien jew li jkollu ħin barra x-xogħol—xi ħaġa li mhux ċert li l-pubbliku inġenerali verament japprezza. “In-nies jaħsbu li l-ikel jikber fuq l-ixkafef tas-supermarket”, hu jgħidli.

Hu mhuwiex wieħed li jaqta’ qalbu, u sar forza ewlenija fost sforzi lokali biex jinbidel is-settur agrikolu u riċentament ġie maħtur bħala l-president tal-Gozo Artisan Network. Huwa jemmen li “jekk bdiewa lokali ma jingħaqdux flimkien u jirrealizzaw li jridu jaħdmu id f’id, m’hemmx ċans ta’ sopravvivenza”.

mt_MTMalti