Pawlu, Joseph u Leli | Tal-Karmnu Sheep Farm, Haz-Zebbug (Malta)

Pawlu, Joseph u Leli | Tal-Karmnu Sheep Farm, Haz-Zebbug (Malta)

Waqt li kont mixja fit-toroq rurali ta’ Ħaż-Żebbuġ għall-ħabta tat-tmienja ta’ filgħodu u naħseb li kien għadu kemxejn kmieni wisq biex wieħed jibda l-jum tal-Ħadd, jien wasalt f’Tal-Karmnu Farms. Hemmek kont milqugħa bil-ħlewwa minn Joseph u Pawlu li huma mdorrija jibdew il-ġurnata tagħhom kmieni fl-erbgħa ta’ filgħodu.

“Minn dejjem hawn aħna”, qalu l-aħwa meta staqsejthom kemm ilha familthom f’dan ir-razzett—għall-aħħar tliet ġenerazzjonijiet, biex inkunu preċiżi. Missierhom—li llum ħalliena—beda ħajtu hawn u twieled f’dan l-istess razzett, fejn ikkultiva l-art u rabba t-tiġieġ, mogħoż, u nagħaġ, fost annimali oħra.

Issa huma t-tlett itfal tiegħu li ħadu r-riedni f’idejhom. Joseph jieħu ħsieb in-nagħaġ, Pawlu jaħdem l-għelieqi, u Leli jieħu ħsieb il-ħanut, filwaqt li Jessica u Elaine jagħmlu l-ġobon fil-kċina u jbiegħu l-prodotti fil-ħanut. Mhux dejjem kienu hekk l-affarijiet però. Xi kemxejn żmien ilu, ir-razzett kien qed jaqa’ biċċiet u Joseph kien qed iħossu aktar u aktar skoraġġut minn regolamenti stretti tal-UE. Jum fost l-oħrajn, b’qalbu kompletament maqtugħa, hu mar għand ħutu u qalilhom li hu kien lest iżarma mill-merħla li kellu.

Madankollu, l-aħwa użaw dan l-intopp bħala żvolta u ddeċidew li mhux talli jduru waħda sew ir-razzett, iżda saħansitra jagħmlu eżempju minnu.

Illum, Tal-Karmnu Farms għandu mitt nagħġa, kċina bi standards tal-catering, u ħanut fin-naħa ta’ quddiem tar-razzett. Fil-qalba tal-intrapriża tagħhom hemm in-nagħaġ tant maħbuba tagħhom: “Aħna ffokajna fuq in-nagħaġ għax inħobbuhom”.

In-nagħaġ jiġu maħluba kull filgħodu u l-ħalib frisk imbagħad jiġi użat biex minnu jsiru ġbejniet friski, irkotta, u ġelati, fost prodotti oħra bħal ravjul, torti, ħelu, u kannoli. Waqt li kont qed inkellem lill-familja, beda jidher biċ-ċar li hemm ċertu sens kollettiv ta’ kburija fil-ħidma u l-għożża li jipproġettaw fil-produzzjoni ta’ prodott ġenwin. L-aħwa jbiegħu l-prodotti tagħhom esklussivament mill-ħanut tagħhom ta’ Ħaż-Żebbuġ, friski ta’ kuljum; dak li ma jinbiegħx fil-jum jiġi ppreżervat u minnu jagħmlu ġbejniet niexfa.

Huma jridu jinvolvu lill-konsumatur b’mod dirett billi jilqgħuh fid-daħla tar-razzett tagħhom sabiex, b’dan il-mod, il-konsumatur ikun jista’ verament japprezza l-kwalità tal-prodott tagħhom.

Bejn l-Imnarja u Jum l-Indipendenza, il-ħanut ikun magħluq peress li ma jkunx hemm ħalib frisk tan-nagħaġ. Fis-sajf, in-nagħaġ jittaqqlu u jkollhom bżonn il-ħalib biex jitimgħu l-ħrief. Huma jgħiduli li huwa importanti li n-nagħaġ jitħallew jistrieħu u jieħdu ħsieb il-ħrief żgħar tagħhom. Madankollu, huma jserħuli rasi li dan ma jfissirx li x-xogħol tagħhom jieqaf għaliex dejjem hemm xogħol xi jsir.

Il-biedja hija iebsa di natura, però meta Malta ngħaqdet mal-UE kien hemm sfidi oħra ġodda għal produtturi lokali li issa kellhom jikkompetu ma’ bdiewa Ewropej u kellhom standards aktar metikolużi xi jmantnu. Madankollu, il-fatt li bbenefikaw minn fondi tal-UE għen biex itaffi naqra minn dawk l-isfidi. Permezzi ta’ fondi tal-UE mogħtija lil bdiewa żgħażagħ, l-aħwa, bl-għajnuna ta’ veterinarji lokali, setgħu jġeddu u jimodernizzaw totalment ir-razzett tagħhom biex ikunu konformi ma’ standards tal-UE fil-produzzjoni tal-ħalib u prodotti relatati oħra tagħhom. Anke jekk dan hu minnu, xorta waħda l-proċess jibqa’—b’mod skoraġġanti—wieħed mhux strutturat u bil-mod għal dawk li jridu jaħdmu b’daqshekk bżulija.

Meta jħares lejn il-perspettiva ikbar, Leli ħass li kellu jaqsam il-bżonn li uffiċjali eletti jippromwovu—b’mod kostruttiv—biedja sostenibbli u li jiżguraw is-sigurtà tal-ikel lokali. Meta wieħed iqis id-daqs, il-klima, u l-popolazzjoni dejjem tikber ta’ Malta, dawn l-isforzi huma essenzjali biex Malta jkollha stabbiltà finanzjarja, speċjalment fi żminijiet ta’ kriżi.

Hekk kif infetħu l-bibien ta’ barra, l-ewwel grupp ta’ parruċċani waslu u Leli dlonk mar jilqa’ lil dawn il-klijenti, b’xi wħud minnhom ikunu qed jiġbru ordnijiet li jkunu għamlu u oħrajn jittawlu b’kurżità lejn in-nagħaġ. Jessica tieħu l-ordnijiet fil-ħanut u Joseph idawwar lit-tfal mar-razzett. Mill-ewwel fhimt x’riedu jgħidu aktar qabel meta qaluli, “Aħna katina”. Flimkien jirnexxilhom.

mt_MTMalti