Maria | San Blas Valley Farm, Nadur

F’jum xemxi f’Diċembru ltqajna’ ma’ Maria, bidwija organika bbażata f’Għawdex. Hi tieħu ħsieb masġar tal-larinġ organiku fil-wied idilliku ta’ San Blas fin-Nadur.

Il-familja ta’ Marija ilha tokkupa din l-art għal sekli sħaħ. Hija għandha memorji sbieħ tal-art, u tgħidilna, “Meta kont tifla, kont niġi hawn ma’ nannti. Hi kienet armla, u allura baqgħet taħdem l-art. Jien kont l-ikbar, allura kont l-aktar waħda responsabbli. Naħseb għalhekk kienet għażlitni.” Maria temmen dawn il-mumenti ma’ nannintha kienu ż-żerriegħa li kibru fl-imħabba tagħha għall-kampanja.

Allavolja żviluppat rabta mal-art minn kmieni, Maria tgħidli li l-biedja mhux dejjem kien l-impjieg full-time tagħha: “Meta t-tfal tiegħi kienu l-iskola, bdejt niġi b’mod aktar regolari, u kien hemm li bdejt full-time”. Illum ir-razzett għadu tassew affari tal-familja. Hekk kif qed nimxu flimkien, niltaqgħu ma’ omm Maria, Rose, li b’ċajta ssejjaħ “il-manager”.

Imħarsa mill-ġenerazzjonijiet li ġew qabel Maria, iz-zkuk tat-300 siġar tagħha huma mtaqqla bil-larinġ. Il-fond tal-wied iwassal għal siġar itwal minn dawk ordinarji. Anke bi żbir intelliġenti, huma inevitabbilment ifittxu d-dawl biex jikbru. Ħerqana biex ma jaħlu xejn, Maria tgħidli li għadhom jirnexxilhom jiġbru l-frott minn fuq nett [tas-siġar]. Hi tidħaq, “Qisna xadini. [Ommi] twaddab il-larinġ u jien naqbadhom”.

Maria tiggwidani għal żona li hi ssejjaħ “il-kitchen garden”. Hawnhekk hi tiżra xelta ta’ ħxejjex u tuża teknika li jgħidulha companion planting. B’kuntrast ma’ rziezet konvenzjonali li tendenzjalment jimplimentaw monokultura, fejn tip wieħed ta’ ħxejjex biss jitkabbar b’mod esklussiv f’kull għalqa, Maria tħallat il-ħxejjex fi sforz biex iżżid il-bijodiversità. Hi tfiehem li dan l-approċċ jgħin biex jikkontrolla l-parassiti. Huwa ċar li hi ma tibżax tesperimenta, hekk kif tindika l-pjanti tal-filfel, siġra tal-papaya, u oħra tal-kiwi.

B’kuntrast ma’ xi bdiewa oħra organiċi, Maria qatt m’użat pestiċidji konvenzjonali: “Qatt ma użajna bexx”. L-unika tranżizzjoni tagħha ġiet fil-forma ta’ distribuzzjoni u biex takkwista ċ-ċertifikazzjoni uffiċjali ta’ biedja organika, li tħallas għaliha. Hi tispjega li, “Irrealizzajna li qed nibgħatu prodotti organiċi l-Pitkalija u li mhux verament japprezawhom”.

Din ir-realizzazzjoni ħallietha tagħmel il-bidla biex tbiegħ direttament lill-konsumaturi. Illum, hi tistieden in-nies fir-razzett tagħha u tbiegħ f’The Veg Box fil-Manikata u f’Vincent’s Eco-Farm fl-Imġarr, ħaġa li tagħti lok għal aktar apprezzament għall-prodotti tagħha. Hija kkollaborat ma’ inizjattivi lokali, bħal Ferment Island, li jħaddnu l-istess valuri.

Maria timplimenta kisi (mulching) naturali, ħaġa li għaliha tibbenifika minn fondi governattivi. Hija wkoll sabet suċċess biex tikkonvinċi bdiewa oħra fiż-żona biex jipparteċipaw fl-istess inizjattiva. Madankollu, hija titħasseb fuq għala l-fondi tal-gvern jippreferixxu prattiċi konvenzjonali tal-biedja. Maria tifhem l-irwol tagħha bħala bidwija organika aktar minn dak ta’ sempliċiment xi ħadd li jipprovdi l-ikel; hi tagħti ħafna kas ukoll għall-ambjent naturali tagħna. Maria taqsam il-frustrazzjoni tagħha, u tgħid, “Aħna dawk li qegħdin nieħdu ħsieb il-pajjiż, li rridu nħallsu, filwaqt li bdiewa konvenzjonali m’għandhomx għalfejn”. Hija ssibha diffiċli biex tikkonvinċi bdiewa oħra biex jaqilbu għal metodi aħjar ta’ biedja.

Il-konverżazzjoni tagħna kienet tispikka bl-entużjażmu u l-passjoni interminabbli ta’ Maria għall-agrikoltura. Hi tgħidli, “Biex tagħmel dan ix-xogħol trid tkun tħobbu”.

Our conversation was marked by an unquestionable enthusiasm and passion for agriculture. She tells me, ‘to do this work, you have to love it.’

mt_MTMalti