Louis | Louis Cini Organic Farm, Mellieha

Hekk kif niftħu x-xatba tal-ħadid, niġu milqugħa mill-kelba ta’ Louis, Giola, li tinbaħ ifferoċjata waqt li nimxu għal għonq il-passaġġ biex niltaqgħu miegħu. Il-feroċità tagħha tikkalma hekk kif jilqagħna.
Louis huwa bidwi organiku ċċertifikat li huwa bbażat fil-periferija tal-Mellieħa. Bħala tifel, Louis kien iżur ir-razzett mal-ġenituri tiegħu li fittxew l-għajnuna tat-tfal tagħhom f’faċendi sempliċi. Hu jispjega, “Tibda bil-mod, iġġorr xi ħaġa jew tiżra ż-żrieragħ”, u żżid biċċa xogħol wara l-oħra hekk kif jgħaddu s-snin. Għalkemm Louis beda żgħir, huwa jgħid li ilu jaħdem bħala bidwi full-time għall-aħħar ħamsa u għoxrin sena biss.

Qabel dan, hu kien jaħdem fil-manutenzjoni għal diversi snin sakemm iddeċieda li jiskopri mill-ġdid l-għeruq tiegħu fil-biedja. Huwa jemmen li “jekk inti titwieled f’xi ħaġa, inevitabbilment terġa’ tirritorna [għaliha]”. Hu jikkwota proverbju Malti li skont hu jgħid, “Miskina dik it-tarbija li titwieled ġo post ħażin, għax iddur id-dinja kollha u hemm terġa’ tmur”, Louis ikompli jgħid li, “Forsi dak li ġara lili”, qabel ma jżid mill-ewwel, “Imma hawn mhux ħażin”.

Waqt li nkunu qegħdin naraw ir-razzett tiegħu, hu jitbaxxa biex jurina l-patata li għadha kemm bdiet tinbet. Hu jsemmi wkoll il-pitravi li qed ikabbar u aktar tard jaqla’ xi karrotti. Kull għalqa hija mifruda b’ħitan tas-sejjieħ baxxi u d-diversi ħxejjex li jikbru fihom.

Eventwalment naslu f’kamra li hu biddel f’kċina żgħira. Eżatt ’il barra minn din hemm it-tiġieġ tiegħu, li jgħixu fost rimji tal-bambù. L-attenzjoni tagħna ddur għall-inkwatri mdendla mal-ħajt fuq ġewwa: arkivju tal-familja, rekordju ta’ figuri varji li ġew qabel Louis.

Hu jurina ritratt tiegħu nnifsu: “Dak jien, meta rranġajt ir-raddiena darba”. Fir-ritratt, hu għadu żagħżugħ—kburi u stirat quddiem ir-raddiena.. L-istrutturi qodma tar-razzett saru kważi-mużew mimlija għodda qodma, stampi reliġjużi, u lbies. Turġien għolja jwasslu għal xelter qadim tal-gwerra, fejn kamra oħra bil-ħitan maħruqa kienet isservi bħala kċina. Strutturi oħra qabel kienu jżommu l-annimali, waqt li fuq hemm kamra tas-sodda antika,

Fl-aħħar inpoġġu fuq bank tal-ġebel; il-konverżazzjoni tagħna tiġi interrotta diversi drabi mis-serduq tiegħu jredden jgħajjat. Louis jgħidli, “Dak għax nofsinhar, għalhekk”. Giola qed togħnos fuq darha, b’żaqqa mikxufa għax-xemx sħuna xitwija.
Bħala bidwi konvenzjonali hu skopra li l-operat żgħir tiegħu ma kienx biżżejjed biex jirnexxi fl-istruttura tal-Pitkalija. Meta ra d-domanda tiżdied għall-prodott organiku, hu ddeċieda li jesplora din il-bidla.

Għalkemm hu qatt ma kien wieħed li juża pestiċidji, hu xorta waħda sab nuqqasijiet fl-għarfien tiegħu ta’ prattiċi organiċi. Hu jgħid, “Kont naħseb li naf ħafna, imma mbagħad skoprejt li fil-verità naf verament ftit”. Hu jżid jgħid, “Kont insaqsi l-ommi, li kienet għadha ħajja dak iż-żmien, u skoprejt ħafna min-nies li kienu jiġu jixtru”. Il-bidla għal biedja organika ġabet magħha konnessjoni ġdida mal-konsumatur.

Louis jidher perpless hekk kif insaqsih dwar l-isfidi li l-biedja potenzjalment iġġib magħha: is-sigħat twal, il-ħidma fiżikali, l-inċertezza. Mingħajr eżistazzjoni jgħidli, “Saret parti minn ħajti. Filgħodu nqum u niġi mill-ewwel hawn. Ma nafx kif immur imkien ieħor”. F’jiem meta x-xita bil-qliel iżżommu milli jmur fl-għelieqi tiegħu, iħossu mitluf.
Raġġ ta’ ottiżmu jiddi fid-diskussjoni hekk kif nitkellmu dwar id-diffikultajiet tal-biedja, hekk kif perfettament deskritta fl-osservazzjoni tiegħu li, “Jekk tiġri xi ħaġa ħażina, din tħalli spazju biex tiġi xi ħaġa tajba”.

mt_MTMalti