Emanuela | The Veg Box, Manikata

Fil-qalba tar-raħal rurali tal-Manikata, b’bajjiet ramlin fuq naħa u l-Park Nazzjonali tal-Majjistral fuq naħa oħra, wieħed isib The Veg Box. Il-binja li jinsab fih kienet abbandunata qabel u tmur lura għall-1939 fi żmien meta Malta kienet taħt l-Ingliżi, meta din kienet tintuża bħala armerija. Emanuela, il-fundatriċi ta’ The Veg Box, tat identità ġdida lil din l-armerija u issa ġiet trasformata f’dak li hi ssejjaħ ‘The Farmoury’—spazju “li bih tarma n-nies bl-għodda li għandhom bżonn biex jgħixu ħajja sostenibbli”. Dan sar ċentru ta’ sostenibbiltà fil-Manikata li jagħti lill-bdiewa Maltin appoġġ soċjali, ekonomiku, u ambjentali, filwaqt li jinkoraġġixxi lin-nies biex jgħixu ħajja differenti billi ttihom alternativvi lokali għal ikel impurtat.

Il-vjaġġ ta’ Emanuela fis-settur agrikolu beda biss meta kienet adulta. Għaxar snin ilu, hija ħalliet il-karriera tagħha f’maniġment ta’ lukanda biex tmexxi razzett żgħir urban f’Ħ’Attard. Kien hawn li waqqfet is-sisien għal The Veg Box. F’Ġunju tal-2019, hija mxiet għall-Manikata fejn il-proġett kiber għal inzijattiva ffukata fuq il-komunità li twaħħad il-konsumatur mal-bidwi. Illum, il-ħanut tagħha huwa mimli bi prodotti mkabbra lokalment madwar Malta u Għawdex. Emanuela tenfasizza li “l-biedja u l-ikel bnin huma importanti ferm”. Hija żżid li, “Jekk in-nies ma jridux jieklu ikel bnin, m’hemmx punt li tkabbru”. Hija biddlet lil The Farmoury, li ssejjaħlu “każin aħdar” b’ċertu affezzjoni, fi spazju soċjali li jippromwovi “l-ikel, in-natura, u l-ħajja rurali”. The Veg Box sar post komdu u kkulurit għall-komunità aktar wiesgħa biex tipprattika s-sostenibbiltà, tixtri prodotti organiċi, kif ukoll tipparteċipa f’flea markets u workshops.

Il-bdiewa għadhom fiċ-ċentru tal-valuri ta’ The Veg Box. Emanuela tipprovdi lill-bdiewa b’spazju fejn jistgħu jbiegħu u jirċievu ħlas ġust għall-prodotti tagħhom. Dan jiżgura li huma jiġu rikonoxxuti għall-isforzi tagħhom u jkollhom dħul li bih ikunu jistgħu jkomplu xogħolhom.

Minn perspettiva ambjentali, The Veg Box jappoġġja bdiewa organiċi u jżid l-għarfien ta’ metodi ta’ biedja li huma tajba għall-ambjent. Emanuela toffri inkoraġġiment u appoġġ lil bdiewa lokali li mhumiex konvinti dwar il-prospetti tagħhom bħala bdiewa organiċi. Ħafna minnhom issa daħlu għall-biċċa u kkonvertew għal biedja organika.

Emanuela titkellem dwar il-bżonn li l-gvern Malti jipprovdi aktar inċentivi, u tenfasizza li dawn l-inċentivi għandhom jibdew minn skala żgħira sabiex ikunu jistgħu jagħtu valur lil prodotti organiċi lokali. L-inkoraġġiment ta’ biedja organika fuq skala żgħira huwa importanti kemm fuq livell nazzjonali kif ukoll livell tal-UE.

Hija temmen bis-sħiħ li l-bdiewa huma l-gwardjani tal-art. L-inċentivar ta’ prattiċi ta’ biedja tajba jgħin biex nipproteġu l-pollinaturi u l-bijodiversità, u jinkoraġġixxi r-restawr ta’ ħitan tas-sejjieħ u l-manutenzjoni tal-ħamrija. Hija telenka wkoll kif il-biedja lokali tappoġġja r-reżiljenza tal-provvista tal-ikel lokali u tipproteġi lir-residenti minn ċaqliq u varjazzjonijiet potenzjali futuri fil-kummerċ u l-produzzjoni tal-ikel multinazzjonali.

mt_MTMalti