Ġanni | Ta’Bona Farm, Rabat

Ta’ Bona Farm huwa proġett tal-familja li jinsab fil-wied idilliku tal-Virtù fir-Rabat. Ġanni jaħdem madwar sittin tomna art ma’ martu u t-tfal tiegħu, u ġieli b’għajnuna ta’ aktar individwi involuti fil-biedja.

M’hi ħaġa xejn żgħira biex tieħu ħsieb razzett fuq din l-iskala, però Ġanni huwa ddedikat għall-art li ilha tintiret minn ġenerazzjoni għall-oħra sakemm saret tiegħu biex jieħu ħsiebha. Huwa ilu jgħix u jaħdem bħala bidwi għal ħajtu kollha, u jgħid li twieled u għex fuq l-art. Ġanni u familtu huma fortunati biżżejjed li jgħixu eżattament ħdejn l-għelieqi tagħhom, xi ħaġa li tippermettilhom li jkollhom relazzjoni intima mal-art tagħhom u biex jaħdmu bil-pass tagħhom, fejn huma jaħdmu qatigħ f’għelieqi fil-beraħ, żewġ serer, u l-ġnien taċ-ċitru u l-lanġas tagħhom.

Ġanni hu partikolarment kburi bil-fatt li jaħdem id f’id man-natura, u jispjega b’entużjażmu l-proċess tan-newba [crop rotation] li jadotta fl-għelieqi, fejn jiżgura li jħalli biżżejjed żmien fejn l-art ma tinħadimx ħalli tistrieħ. Huwa qatta’ ħajtu jakkumula l-għarfien ta’ missirijietu fuq in-newba, il-ħżin taż-żerriegħa, u l-ħarsien tal-ħamrija. Madankollu, huwa jħoss li qisu għadu ma tgħallimx biżżejjed, speċjalment la f’dan it-tip ta’ settur bidwi jrid jibqa’ jitgħallem kostantament, mhux dejjem minħabba sempliċiment interess ġenwin, iżda wkoll minħabba tibdil fil-kundizzjonijiet.

Huwa jilmenta li biex issib żrieragħ Maltin hija kważi ħaġa impossibbli llum għaliex illum il-ġurnata ż-żrieragħ huma impurtati. Meta wieħed jaħdem b’żrieragħ impurtati dan ifisser li l-varjetajiet mhumiex adattati għall-kundizzjonijiet ambjentali u klimatiċi ta’ dawn il-gżejjer. Ġieli dawn iwassal biex il-ħxejjex u l-frott ikunu aktar suxxetibbli għall-parassiti u għaldaqstant jirrikjedu aktar ħarsien u attenzjoni. Peress li Ġanni jevita kemm jista’ li juża pestiċidji u erbiċidji bla bżonn, huwa juża approċċ ibbażat fuq l-ekosistema li tiffoka fuq il-prevenzjoni fit-tul tal-parassiti. Huwa jagħmel dan permezz ta’ kombinazzjoni ta’ tekniki, fosthom dawk ta’ kontroll bijoloġiku u naturali, manipulazzjoni tal-ħabitat, modifikazzjoni ta’ prattiċi kulturali, u l-użu ta’ varjetajiet reżistenti. B’dan il-metodu, hu jnaqqas u ġieli jelimina għall-kollox l-użu tal-pestiċidji.

Meta tara li Ġanni għadu ħerqan biex jitgħallem metodi ġodda biex itejjeb il-prodott tiegħu dan jimlik bil-qalb. Permezz tal-Politika Agrikola Komuni tal-UE, huwa rċieva fondi li ġew investiti f’serer li jagħtu lir-razzett il-kapaċità li jkabbar tadam, ħjar, bżar, brunġiel, u qarabagħli barra mill-istaġun.

Akkost tal-isfidi li jaffaċċjaw il-bdiewa, speċjalment meta wieħed jikkunsidra d-dħul baxx f’dan is-settur, Ġanni jipprova jagħmel l-affarijiet b’mod differenti, u, kull nhar ta’ Tlieta u nhar ta’ Sibt, tista’ ssib lill-familja sħiħa tiegħu tbiegħ il-prodotti tagħha fis-Suq tal-Bdiewa, f’Ta’ Qali. Hawnhekk, il-konsumaturi huma lesti biex jixtru l-prodotti b’prezz ġust li jirrifletti l-ħidma iebsa li t-tkabbar tal-ikel tinvolvi. Ta’ Bona Farm għandu wkoll ħanut online fuq il-website tagħhom fejn in-nies tista’ tixtri l-prodotti u jkollha l-kunsinna magħżula mwassla sad-dar tagħha. Fil-maġġor parti tagħhom, dawn il-metodi alternattivi tal-bejgħ tal-prodotti jżommu lil Ġanni ’l bogħod mis-suq tal-Pitkalija, li għandu reputazzjoni xejn tajba li jġiegħel il-bdiewa biex ibiegħu l-prodotti tagħhom għal verament ftit flus.

Wieħed jista’ jixtri prodotti m’għand Ta’ Bona Farm billi jżur is-Suq tal-Bdiewa ta’ Ta’ Qali jew billi jżur il-website https://www.tabonafarm.com/. https://www.tabonafarm.com/.

mt_MTMalti