Cane | Biome Munch, Burmarrad

Cane huwa bidwi żagħżugħ li huwa ambejntalista fil-fond ta’ qalbu u li, b’mod ippassjonat, jaħdem fir-razzett tiegħu biex japplika prattiċi tal-biedja sostenibbli u etiċi. Flimkien mas-sieħba tiegħu, Cassandra, hu jaħdem fuq il-proġett Biome Munch f’Burmarrad.

F’Biome Munich l-idea dominanti hi li wieħed iħares lejn l-ikel b’mod olistiku. Il-viżjoni tagħhom hija li jippromwovu dieta Mediterranja u li jagħmlu l-konsum ta’ ikel lokali u nutrittiv wieħed sempliċi, affordabbli, u aċċessibbli għan-nies f’Malta.

Wara li kien ilu diversi snin jaħdem f’laboratorju fl-Università ta’ Malta, Cane ddeċieda li jħalli l-impjieg stabbli tiegħu warajh biex isir bidwi full-time. Permezz ta’ dan il-proċess, Cane tgħallem kemm hemm stigma soċjali assoċjata mal-biedja u kemm jingħataw verament ftit inkoraġġiment iż-żgħażagħ biex jidħlu fis-settur agrikolu. Akkost ta’ dan l-ostaklu, Cane huwa ottimist li ħa jirnexxielu jaqla’ biżżejjed flus biex isostni lilu nnifsu u li jirnexxielu fl-ambizzjoni tiegħu. Din il-koppja żagħżugħa qed tuża l-għarfien ikkombinat tagħha fl-iddisinjar u l-inġinerija, biedja u nutrizzjoni, kif ukoll in-negozju u l-marketing, biex jiżguraw li Biome Munch ikun suċċess.

Sa mill-bidu tal-proġett Biome Munch, li beda bħala struttura agrikola appoġġjata mill-komunità f’Burmarrad, Cane wera reżiljenza ta’ vera u qadef biex jaħdem kemm jiflaħ akkost tal-ostakli. Ir-raba’ tal-familja ta’ Cane ġiet kompromessa riċentament minħabba roundabout li ġiet proposta fuq triq maġġuri li kienet—bla bżonn ta’ xejn—ħa tieħu minn art agrikola. It-triq kienet ukoll ħa tikkawża ħsara lil ġibjun antik 500 sena li ilu jipprovdi ilma għal aktar minn għoxrin tomna art għal sekli sħaħ. Grazzi għal kampanja mmexxija minn bdiewa fiż-żona u permezz ta’ appoġġ ta’ NGOs ambjentali, il-proposta tar-roundabout waqgħet.

It-telf ta’ art għal proġetti infrastrutturali hija waħda mid-diversi sfidi kontinwi li l-bdiewa qed jaffaċċjaw. Skont Cane, in-nuqqas ta’ fondi adegwati speċifikament elenkati għall-biedja huwa sfida maġġuri oħra: “Aħna m’għandnix biżżejjed appoġġ fil-mod li hemm bżonn u minflok ningħataw appoġġ f’oqsma ħżiena. Bdiewa jingħataw fondi biex jixtru tractors meta l-maġġoranza, fil-verità, għandha bżonn għajnuna għal affarijiet totalment differenti”. Cane jaħseb li inċentivi għan-negozji huma fost is-soluzzjonijiet possibbli. Għandha tkun possibbiltà għal negozji li jirċievu inċentivi jekk jiddeċiedu li jappoġġjaw bdiewa lokali. Per eżempju, huwa jispjega li tkun t’għajnuna jekk fondi jingħataw lil kumpaniji li jimpjegaw bdiewa lokali biex ikabbru frott u ħxejjex għalihom. Din kapaċi toħloq “ħidma sostenibbli”, jgħid Cane, “Mill-esperjenza tiegħi nista’ ngħid li din is-sistema kapaċi tkun ta’ benefiċċju. Per eżempju, bħalissa qiegħed naħdem ma’ Xara Lodge bħala bidwi u qed ngħinhom biex ikabbru direttament ħxejjex għall-istabbilimenti tal-ikel tagħhom u għall-industrija lokali. Peress li huma għandhom il-fondi ta’ kapital biex jixtru l-art u jappoġġjaw l-industrija lokali tal-biedja, kumpaniji kbar kapaċi jgħinu biex isolvu kwistjonijiet ta’ dħul baxx fil-biedja.”

Sfida oħra li Cane jitkellem ħafna dwarha hija l-aċċess għall-art: “Hija impossibbli biex taċċessa l-art f’Malta. Jekk familtek ma jkollix l-art diġà, m’għandekx ċans għax l-art hija wisq għolja”. Din hija ħaġa li tagħmilha prattikament impossibbli għal żgħażagħ u dawk li huma interessati fil-biedja biex jibdew. “L-art mhux affordabbli u m’initx ħa tirċievi self mill-bank jekk trid tużah għal raġunijiet agrikoli”, jispjega Cane. Din is-sistema trid tinbidel u hemm bżonn l-appoġġ, speċjalment biex isir possibbli għaż-żgħażagħ biex jidħlu fin-negozju tal-agrikoltura.
Cane u Cassandra għadhom jemmnu bis-sħiħ li karriera fl-agrikoltura mhux talli hija għażla vijabbli iżda waħda li hi mimlija sens, għaliex tagħti s-setgħa lill-bdiewa biex iħossuhom li huma verament il-gwardjani tal-art.

Tista’ ssir taf aktar dwar il-proġett tagħhom billi żżur https://biome-munch.com/. https://biome-munch.com/.

mt_MTMalti